Il-Kolugo tal-Filippini (Cynocephalus volans) huwa wieħed minn żewġ speċi ta' mammiferi plaċentati tal-familja Cynocephalidae, il-kolugi, li jiffurmaw l-ordni Dermoptera.
Dan il-mammiferu, kif jgħid ismu, jgħix biss fil-foresti tropikali tal-Filippini, eżattament dan il-mammiferu qiegħed mifrux fil-gżejjer ta' Mindanao, Basilan, Samar, Leyte u Bohol.
Dan il-kolugo għalkemm ta' daqs żgħir (viċin dak ta' qattus tad-dar) huwa meqjus kbir għal mammiferu li jgħix fis-siġar. Il-kolugo tal-Filippini huwa ta' daqs iżgħar u b'pil kannella fil-ħamrani aktar skur u anqas imtebba' minn dak tal-kolugo ta' Sunda (Galeopterus variegatus) jew kolugo Malajan (Galeopterus variegatus). Is-saqajn u l-idejn huma irqaq, ta' tul moderat kollha tal-istess qies, denb ta' daqs medju u korporatura ħafifa. Ir-ras ċkejkna, b'par għajnejn kbar iħarsu 'l quddiem b'viżjoni binokulari u b'par widnejn żgħar u tondi.
Dawn il-mammiferi għandhom membrana ta' ġilda mifruxa bejn il-vojt tal-appendiċi kollha, li fl-ebda mammiferu ieħor ma' laħqet din il-firxa. Din il-membrana hi mifruxa wkoll bejn is-swaba tal-idejn u tas-saqajn, bejn id-denb u s-saqajn u saħansitra bejn l-idejn u l-għonq. Ġeometrikament din il-membrana mhux possibli li tkun akbar jew aktar mifruxa minn hekk. Bl-għajnuna ta' din il-membrana il-kolugo tal-Filippini kapaċi jipplana distanza ta' bejn 70 u 100 metru kull darba bejn siġra u oħra mingħajr telf kbir ta' għoli.
Wara tqala ta' bejn wieħed u ieħor 60 ġurnata biss, il-kolugo tal-Filippini jġib fid-dinja ferħ 1 biss, rarament tnejn u dan mal-ewwel jaqbad mal-pil taż-żaqq tal-omm.
Il-Kolugo tal-Filippini (Cynocephalus volans) huwa wieħed minn żewġ speċi ta' mammiferi plaċentati tal-familja Cynocephalidae, il-kolugi, li jiffurmaw l-ordni Dermoptera.